It-tliet darbiet li Malta kisbet l-indipendenza


Meta fassal il-mafkar tal-Indipendenza ta’ Malta, l-iskultur Ġanni Bonnici tana mara fil-figura ta’ ommna Malta, iżżomm il-bandiera Maltija, tperper ħielsa, waqt li Malta qed tinħeles mill-irbit tal-ħakkiema mgħoddija. Is-simboliżmi jkomplu wkoll meta wieħed josserva l-lok magħżul (forsi b’kumbinazzjoni) għal dan il-mafkar – bi dritt Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, bħal donnu juri t-triq għall-ġejjieni, u bil-ġnien tal-Mall warajh.



Il-Mall iġib ismu minn sport popolari li l-Kavallieri kienu jipprattikaw f’dan l-istess ġnien. Il-logħba tal-Maglio kienet tikkonsisti f’ballun kbir u tqil tal-injam li ried jitmexxa permezz ta’ daqqiet ta’ mazza. Ir-rebbieħ kien dak li jirnexxielu jwassal il-ballun f’postu fl-inqas numru ta’ daqqiet.


Bħall-Maglio, l-Indipendenza tal-1964 ma saritx f’daqqa waħda, iżda hi bint sensiela ta’ indipendenzi oħrajn li ġew qabilha. Minkejja li dawn ma kienux ir-rebħa aħħarija fihom infushom, il-Maltin missirijietna bla dubju bagħtu sinjal ċar lill-ħakkiema u lill-Maltin li ġew warajhom, fuq l-identità u l-karattru tal-Maltin bħala poplu.


Is-sentiment ta’ għaqda nazzjonali Malti huwa wkoll uniku fin-nibta tiegħu. Għall-kuntarju tan-nazzjonaliżmi Franċiżi, Taljani, Ġermaniżi u sħabhom, in-nazzjonaliżmu Malti twieled ferm qabel dak ta ħutu Ewropej l-oħra – propju mijiet ta' snin qabel.


'Aħjar tistħarrġu

lill-Fieres tas-Sultan, l-imgħallem tagħkom

u tistaqsuh: Int b'liema jedd ħadt dina

I-art tal-ibdiewa u rsiera għamilthom f'darhom?

Xi kemm l-uqija tajt? Dil-mistoqsija

il-lum qiegħda tagħmillek din l-imjassra

qalb tal-Maltin. Int min int? Tweġiba

fis nistennew inkella oħroġ 'il barra!'

Estratt min-novella ta’ Ninu Cremona – il-Fidwa tal-Bdiewa


Fis-snin medjevali tal-1426 u 1427, il-Maltin u l-Għawdxin għamlu rewwixta erojka, li baqgħet imfakkra bħala l-Fidwa tal-Bdiewa, tant li spirat in-novella ta’ Ninu Cremona li ġġib l-istess isem (qari tajjeb ħafna għal imħuħ żgħażagħ li qed ifittxu storja eċitanti b’tema lokali u patrijottika). Fl-1420, ir-Re Alfonsu V ta' Aragona u Sqallija, ġie fil-bżonn ta’ flus biex jiffinanzja l-kampanji militari tiegħu. Għalhekk, issellef tletin elf fjorin mingħand Don Consalvo Monroi, Kavallier tal-istess Re, u in ritorn, għadda lil Malta bħala art fewdali lil Monroi, sa ma r-Re jħallas lura s-somma mislufa. Dan il-ftehim xejn ma niżel tajjeb mal-Maltin għax kien ksur ta’ privileġġi li kisbu mingħand ir-Re Martinu fl-1397.


Il-qbil mar-Re ta setgħat tiranniċi lil Monroi, fostom il-jedd li jiddetta t-taxxi kif xtaq hu u fuq kollox, li jkollu awtorità sħiħa fuq il-ġustizzja ċivili u kriminali f’Malta. Infatti, matul il-ħakma ta’ Monroi, il-Maltin raw żidiet fit-taxxi u attakki mill-furbani Mori Tuneżini fuq il-popolazzjoni. Mingħajr ebda protezzjoni mis-suldati ta’ Monroi, dawn l-attakki sarrfu f’imwiet, skjavitù u serq tal-ġid tal-Maltin. Huwa għalhekk li wieħed ma jissorprendix ruħu meta wara sitt snin ta' sofferenzi, il-Maltin qamu kontra Consalvo, keċċewh, ħatfulu ġidu, daru għal ħbiebu u sakkru lil martu Costanza fil-Kastell Sant' Anġlu.

lr-Re Alfonsu, li kien wieħed mill-iktar nies b’saħħithom fl-Ewropa, hedded lill-Maltin li ma jibgħatilhomx ikel u li jikkastigahom, jekk ma jibdlux l-imġieba tagħhom. Minkejja l-biża', il-Maltin ma waqgħux għall-intimidazzjoni tar-Re t’Aragona u Sqallija, u minflok, bagħtu lejn Sqallija l-Kanonċi Cataldu Casburella u Gregorju Bonnici biex jinnegozjaw mar-Re. Il-Maltin offrew li jħallsu huma t-tletin elf fjorin dovuti mir-Re, bil-patt u l-kundizzjoni li Malta teħles minn Monroi u tintrabat mal-Kuruna, bħall-ibliet ta' Palermo, Messina u Katanja.


Don Consalvo Monroi

L-offerta li jitħallsu t-tletin elf fjorin ġiet milqugħa, imma r-Re ma ta ebda privileġġi. Iżda l-Maltin ma riedux joqogħdu għal din l-umiljazzjoni. Ir-Re inkorla u reġa' hedded b’iktar kastigi. Kellu jinżel Malta l-Viċire ta’ Sqallija nnifsu, Nicolò Speciali, biex jintlaħaq ftehim. Il-Maltin urew li kienu lesti jeħilsu lil Donna Costanza u jagħtuha ħamest elef fjorin fuq it-tletin elf li kienu diġà dovuti lil żewġha. Il-Maltin b'hekk urew li daqstant kemm kienu determinati, kienu tant ieħor ġentlomi.


Il-ftehim però ntlaħaq biss meta r-Re aċċetta li jiffirma l-‘Magna Carta Libertatis’, kisba impressjonanti minkejja ċ-ċokon tal-gżira. Bil-liġi, l-Università ta’ Malta issa kellha l-jedd li tagħmel hi t-taxxi u li tagħżel l-uffiċjali amministrattivi minn fost il-Maltin. Fuq kollox, il-Magna Carta tat lill-Maltin is-setgħa li jirreżistu bl-għemil u bl-armi kontra min jipprova jnaqqsilhom il-libertajiet ċivili tagħhom (inkluż ir-Re), ħaġa li għamlu meta l-istess Re, fl-1440 u għal darba oħra fl-1441, tħajjar jislef Għawdex lil Johannes de Caro, u l-arċipelagu sħiħ lill-Ordni Militari Spanjola ta’ Montesa, rispettivament.


Minkejja ċ-ċokon tagħna, l-episodju ta’ Monroi ma kienx l-aħħar darba li waqafna u rbaħna lil qawwiet Ewropej. Meta fl-1798 Napuljun appunta lill-Ġeneral Vabois bħala Kap Kmandant ta’ Malta u baħħar lejn Lixandra, żgur qatt ma basar li din il-gżira li rebaħ bla sforz ta’ xejn kienet tazzarda tgħolli rasha quddiem il-qawwa tal-Imperu Franċiż. Biex nagħtu kuntest, din kienet ekwivalenti għal li llum, Malta teħodha kontra qawwa bħaċ-Ċina.


It-tkeċċija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fissret li t-titlu tas-sovranità ta’ Malta għadda mingħand l-Ordni għal għand il-Franċiżi. Dan id-dokument legali miksub mill-Franċiżi bir-rebħa militari fuq l-Ordni kien ifisser li minnufih u bil-liġi, Malta saret propjetà tar-Repubblika Franċiża. Mal-wasla tagħhom f’Malta, il-Franċiżi kkonfiskaw it-teżori li ħalliet warajha l-Ordni tal-Kavallieri, li bejn deheb, ġawhar prezzjużi u artifatti sagri, kien jammonta għal 7 miljun Frank (ekwivalenti għal xejn inqas minn 65 miljun Ewro fi flus tal-lum). Għaldaqstant, il-Maltin stagħġbu mhux ftit meta l-Ġeneral Vubois beda jgħolli t-taxxi kif ġieb u laħaq. Il-qamħa li qasmet dahar il-ħmar kellha tkun l-irkant tat-tapizzerija tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina, opra mħallsa mill-Maltin, għat-tgawdija tal-Maltin stess. L-arroganza tal-amministrazzjoni Franċiża lejn il-kultura tal-Maltin, b’mod partikulari d-disprezz lejn il-fidi Nisranija tagħhom, wasslet għal rewwixta kbira min-nies tar-Rabat, li bħal leħħa ta’ berqa, infirxet mal-bqija tal-gżira. F’inqas minn 24 siegħa, il-Maltin ħebbew għall-invażuri, rebħu l-Imdina u bdew imblokk fuq il-Franċiżi, li maħkumin bil-biża' mill-ħruxija tal-Maltin, issakkru wara s-swar tal-Belt Valletta u Cottonera.


Xi ftit jew wisq, kullħadd jaf l-istejjer li seħħew matul is-sentejn tal-Imblokk, il-kumplott ta’ Dun Mikiel Scerri u l-qtil tiegħu mill-Franċiżi (forsi min jaf, ikun artiklu ieħor mingħandna ta’ Spunt). Ħafna inqas huwa magħruf li permezz tar-rebħa tagħhom, missirijietna kisbu drittijiet kostituzzjonali li kienu jġibu lil Malta indipendenti u sovrana. Dan għaliex kienu l-Maltin li minn jeddhom ħebbew għall-Franċiżi, waħidhom żammew l-imblokk għal sentejn sħaħ, u kienu huma li xerrdu demmhom fil-battalji kontra l-armata Franċiża tul is-sentejn tal-imblokk. Kien għalhekk li meta l-Franċiżi ċedew l-armi, it-titlu għas-sovranità ta’ Malta li dawn kisbu mingħand il-Kavallieri, kellu bi dritt jgħaddi għand il-Maltin, rappreżentati mill-Assemblea Nazzjonali, li kien forma ta’ Gvern magħmul mill-Maltin stess, li ħa ħsieb l-amministrazzjoni tal-popolazzjoni Maltija waqt l-imblokk. Fil-fatt, l-avukat Ingliż J.J Dillon stqarr quddiem il-Parlament Ingliż li l-mertu tar-rebħa:


"hu ugwali, biex ma ngħidx li hu tal-Maltin biss. Aħna l-Ingliżi ma nistgħux ngħidu li rbaħna lill-Maltin, u dana tant hu hekk li lanqas biss qatt ma kellna raġuni li niggwerraw magħhom. Lanqas nistgħu ngħidu li huma vvjolaw xi liġi tan-newtralità jew li taw xi għajnuna illegali lill-għedewwa tagħna; għall-kuntarju, aħna sibnihom qiegħdin jissieltu b’eżitu favorevoli kontra l-istess għadu tagħna. Lanqas nistgħu ngħidu li s-superjorità navali tagħna tagħtina xi dritt ta’ Sovranità.”

Estratt minn ‘A Memoir Concerning the Political State of Malta’ ta’ Sir John Joseph Dillon (1807)


Dan il-punt elabora fuqu tajjeb ħafna Vincenzo Maria Pellegrini biex isaħħah il-kawża ta' Malta favur id-Dominion Status, waqt diskors li għamel fl-1952 f’laqgħa kommemorattiva għar-rebħa tal-Maltin Kontra l-Franċiżi, organizzata mil-Kumitat Nazzjonali Malti. Dan il-punt kienu jafu sew ukoll il-Gvern Ingliż, tant li kif Dillon ippubblika l-ħsibijiet tiegħu fl-1807, il-Gvern Ingliż ta' dak iż-żmien ra kif għamel, u xtara l-kopji kollha li sab taħt idejh, għajr xi “tużżana” li skappaw bix-xorti, kif stqarr Fortunato Mizzi. Fuq kollox, dan il-fatt kienu jafuh sew il-Maltin stess.


Il-Maltin ma setgħux jemmnu t-tradiment mill-Imperu Ingliż (suppost alleat tagħhom). Fit-Trattat ta’ Pariġi tal-1814, beżgħan mill-attentati ta’ preżenza Russa fil-Mediterran, l-Imperu Ingliż ta lilu nnifsu t-titlu tas-sovranità ta’ Malta, mingħajr ebda rappreżentant Malti għal dan it-trattat, u mingħajr il-kunsens tal-Maltin stess. Huwa minnu li kienu l-Maltin li, wara sentejn ta’ gwerra, talbu lill-Imperu Ingliż biex ikun protettur ta’ Malta u Għawdex sakemm jiġu lura fuq saqajhom. Però dan minnu nnifsu, ma fisser qatt li l-Maltin ċedew id-dritt miksub bir-rebħa fuq il-Franċiżi, li jkunu huma biss li jagħżlu s-Sovran tagħhom.


Il-Maltin ma bdewx jiġu stmati bħala ċittadini ta’ Malta, imma sempliċiment donnu bħal nies li ‘nzertaw’ jgħixu ġewwa fortizza Ingliża. Is-seklu dsatax kien għalhekk karatterizzat minn taqbida siekta tal-patrijotti Maltin, li ġew miċħuda kull forma ta' drittijiet politiċi. Min-naħa tagħhom, l-Ingliżi bdew jagħmlu li jistgħu biex joħonqu s-sens ta’ identità Maltija, kif jixhdu bosta rapporti minn viżitaturi Imperjali – per eżempju, inforzaw it-tagħlim bl-Ingliż biss biex jeqirdu l-Malti, investigaw kull aspett tal-ħajja Maltija, neħħew it-tariffi minn fuq l-esportazzjoni tal-qamħ (li kien l-ikbar dħul għall-Maltin) u saħansitra kienu jistmerrħu l-imġieba karitattiva tal-Maltin bejniethom. Forsi hawnhekk tajjeb li wieħed jinnota li l-inklinazzjoni (naturali) tagħna l-Maltin tal-lum, li nkunu dismissivi, riduttivi jew ‘niddieħqu’ b’dak li hu Malti (b’ħażen jew le), mhux rifless xieraq tal-kisbiet storiċi u dokumentati f’fatti, imma xejn ħlief fdalijiet qodma ta’ dawn l-influwenzi kolonjali.


Tul is-seklu dsatax, għalhekk naraw it-twaqqif tal-ewwel partiti politiċi Maltin, numru ta’ rewwixti u reżistenzi kontinwi għal manuvri li l-Maltin indunaw li kienu xejn ħlief attentati biex inessu, jumiljaw u jeqirdu dak li hu Malti. Dak li ma kisbux bix-xabla, il-Maltin kisbuħ bil-pinna. Dak li kisbu bil-forza, issiġillawh bl-għaqal, biex sa fl-aħħar, wasal nhar il-21 ta’ Settembru, 1964.


Referenzi

Bonnici, A., 1977. Il-Fidwa ta' Malta 500 sena ilu. Leħen is-Sewwa.

Bonnici, A., 1978. Il-Franċiżi waqt l-imblokk. Leħen is-Sewwa.

Bonnici, A., 1991. The French occupation period : the plot of January, 1799. The PSM magazine, 20(1), pp. 8-14.

Fiorini, S., 2013. Spanish Influence in Late Medieval Malta. Proceedings of History Week.

Frendo, H., 1991. Party Politics in a Fortress Colony: The Maltese Experience. 2 ed. s.l.:Midsea Publications.

Giorgio, J., 1998. Il-Qawmien tal-Maltin kontra l-Franċiżi. Kumitat Festi Esterni Santa Venera.

Godfrey, W., 1978. The Pawning of Malta to Monroy. Melita Historica.

Mason, N. J., 1998. The French Occupation of Malta, 1798. The Malta Year Book.

Pellegrini, V. M., 1952. L-Effett kostituzzjonali tar-Rebħa Maltija tal-1800. s.l., Malta Rebbieħa - lt-Tieni Kommemorazzjoni tal-Vittoria Kontra il Franċiżi Organizzata mil-Kumitat Nazzjonali Malti.